Il-Partit Nazzjonalista qed jiċħad li l-Kap tiegħu għamel snin twal ma jħallasx it-taxxa u l-VAT.
Mistoqsija dwar dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, li jrid jibdel id-dinja u jneħħi lil Malta minn proċedura tal-FATF f’disgħin jum, f’konferenza tal-aħbarijiet il-Partit Nazzjonalista ħassu skomdu jwieġeb dwar il-kredibilità tal-Kap tiegħu li għamel is-snin jevadi t-taxxa u saħansitra kien investigat dwar dan.
Fil-fatt skont Paula Mifsud Bonnici, kellna informazzjoni mhux preċiża meta staqsejna dwar il-fatt li Bernard Grech għamel tnax-il sena ma jħallasx eluf ta’ ewro dovuti f’taxxa.
Meta staqsejnieha: Il-Kap tal-PN għamel tnax-il sena ma jħallasx it-taxxa, saħansitra kien anki investigat u misjub ħati tat-taxxa. Allura l-mistoqsija tiġi waħidha, xi kredibilità għandu l-Kap tal-Oppożizzjoni li qed jgħid li joħroġ lil Malta mil-lista l-griża tal-FATF f’disgħin meta dan stess għamel snin twal ma jħallasx it-taxxa u jevadi t-taxxa?”
Paula Mifsud Bonnici qaltilna, “Jidher illi l-informazzjoni illi għandek tiegħek mhijiex preċiża.”
Mifsud Bonnici ħarbet milli twieġeb dwar il-fatt li Bernard Grech ma għamilx bħall-kumplament tal-ħaddiema f’dan il-pajjiż u ħallas it-taxxa dovuta.
Imbagħad Alex Perici Calascione stedinna mmorru lura għal dak li qal Bernard Grech: “Nistieden lil kulħadd li jmur lura u jara r-risposti u d-dokumenti li kienu ngħataw dak iż-żmien.”
Propju meta kien żvelat li Grech evada t-taxxa, huwa kien inqabad diversi drabi mill-ġurnalist ta’ ONE News, fejn ir-risposti tiegħu ma kienu konvinċenti xejn.
Meta lil Bernard Grech staqsejnieh: “Dr Grech wara snin tevadi t-taxxa kienet id-deċiżjoni tiegħek li inti titfa’ ismek għal Kap ta’ Partit Nazzjonalista li ġegħlitek tħallas?”
Grech qalilna, “Mela l-ewwel ħaġa d-domanda m’hijiex eżattament…Jiena kont qed nħallas it-taxxa, kien hemm ċirkostanzi partikolari, għad joħorġu aktar dettalji fil-futur.”
F’okkażjoni minnhom, meta ħabat jiddejjaq, keċċiena ’l hemm u ma riedx iżjed mistoqsijiet.
“No further questions”, kien qalilna Bernard Grech.
Huwa tenna: “Grazzi għax għandi appuntament oħrajn ta’….Għandna l-appuntamenti tal-Home visits, weġibtlek id-domandi kollha nirringrazzjak. Wettaqt ir-responabbiltajiet kollha.”
Meta rġajna staqsejnieh: “Mhux fuq hekk qed insaqsik. Mhux fuq hekk qed insaqsik.”
Grech sostna: “Grazzi no further questions. Grazzi.”