In-nuqqasijiet tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi komplew joftmu lill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista hekk kif id-deputati kellhom reazzjonijiet differenti dwar dak li kien żvelat.
ONE NEWS u l-gazzetta Kulħadd żvelaw in-nuqqasijiet serji li d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kellu f’dikjarazzjonijiet ta’ dħul għal fini ta’ taxxa u li saħansitra dak li kien iddikjara għall-2019 għokor l-għajn wara li ma kienx iddikjara dħul mill-professjoni legali tiegħu. Dan għalkemm magħruf kemm hu avukat imqabbad.
Meta staqsejnihom barra l-Parlament, jekk il-Partit Nazzjonalista għandux jara li Jason Azzopardi jerfa’ r-responsabbilità politika għall-għemilu, evidentament skomdi d-deputati Nazzjonalisti sabuha diffiċli li jmorru kontra d-deputat tal-establishment li s-soltu tant jiddelitta jippriedka dwar il-korrettezza. Fost dawn kien hemm id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus li wara li sar jaf dwar xiex qed nistaqsu dawwar denbu u lebbet il-ġewwa.
B’imkejjen fid-Dar Ċentrali jgħidulna li qed issir pressjoni kbira fuq id-deputati Nazzjonalisti sabiex jibqgħu jiddefendu lil filjozz tal-establishment, deputati oħra sabuha eħfef li jżommu jżommu mal-iskuża li ta Jason Azzopardi stess.
Dan wara li Jason Azzopardi għażel li jwaħħal fi proċeduri ta’ separazzjoni li kien għaddej minnhom. Oħrajn qalulna li dawn huma affarijiet li jarahom il-partit filwaqt li d-deputat Ivan Bartolo spiċċa jgħidilna li dak żvelat dwar Jason Azzopardi mhux il-verità.
Bħal Ivan Bartolo kien hemm ukoll id-deputat li huwa ħobża u sikkina ma’ Jason Azzopardi, Karol Aquilina li waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista qal li dak żvelat huwa invenzjoni.
Aquilina spiċċa mgiddeb minn dak li huwa pprova jiddefendi wara li Jason Azzopardi stess ammetta li ma kienx daħħal it-tax returns tiegħu.