Sitt persuni b’diżabilità ġew ippreżentati b’ċertifikat wara li fl-aħħar sitt xhur attendew sessjonijiet offruti minn Aġenzija Sapport bħala parti mill-programm “Way To Work”, li joffri taħriġ lil persuni b’diżabilità biex iħejjihom għall-impjieg.
Dan kien it-tieni grupp li temm b’suċċess dan it-taħriġ minn meta beda l-programm.
Minn dawn is-sitt persuni b’diżabilità, wieħed diġà sab impjieg, tnejn applikaw għal korsijiet oħra biex itejbu l-kwalifiki tagħhom, u ieħor se jibda esperjeneza fil-qasam tal-volontarjat.
Il-programm “Way to Work” joffri wkoll sessjonijiet fuq bażi individwali, skont il-ħtieġa tal-individwi.
Fil-fatt, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna spjega kif kien hemm numru ta’ persuni b’diżabilità oħra li bbenefikaw minn sessjonijiet li ddiskutew, fost l-oħrajn, l-użu sikur tal-internet, l-immaniġġjar tal-flus u l-etika fuq il-post tax-xogħol.
“It-tim tal-Way to Work ikun ħadem ma’ individwi oħra, fil-fatt hemm 46 individwu ieħor, li jkunu ħadmu one to one sessions magħhom fuq skills differenti, eżempju kif jaqbdu tal-linja u jaslu mid-dar għall-post tax-xogħol u skills oħra bżonnjużi biex ikunu jistgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol.”
Il-Ministru għall-Inklużjoni, Julia Farrugia Portelli faħħret dan il-proġett, u ddeskrivietu bħala ċavetta importanti għall-indipendenza tal-persuni b’diżabilità.
“L-ikbar għodda li wieħed jieħu permezz ta’ dan il-kors hija l-indipendenza. Li wieħed jipprepara ruħu kif jidħol għad-dinja tax-xogħol b’mod indipendenti, waħdu u fil-komunità.”
It-tielet edizzjoni ta’ dan il-programm se tibda fil-jiem li ġejjin.