L-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil qal li r-rebħa fl-elezzjoni ġenerali tal-2017 tal-Partit Laburista kienet waħda mbagħbsa.
Simon Busuttil qal dan waqt intervista mxandra fuq is-sit Lovin Malta t-Tlieta filgħodu.
Meta kien mistoqsi: “Do you think that the election victory of 2017 a fraudulent victory?”
Busuttil wieġeb: “Absolutely. It was a fraudulent victory.”
Fl-2017, il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ġenerali b’distakk ta’ madwar 40,000 vot.
Il-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Simon Busuttil kien ibbaża l-kampanja tiegħu fuq kalunja.
Ftit ġimgħat ilu, il-Kap Bernard Grech kien saħansitra talab jirtira l-ftuħ ta’ proċeduri interni kontra l-eks Kap Simon Busuttil dwar il-gidba Egrant, b’Busuttil jirringrazzja lil Bernard Grech tal-ġest li għamel miegħu.
Intant matul l-intervista tiegħu, dak li huwa issa l-assistent ta’ Manfred Weber, il-President tal-grupp tal-Partit Popolari Ewropew fil-Parlament Ewropew, kompla bl-istess narrattiva ta’ Bernard Grech.
Tenna li minkejja li qed jitressqu l-persuni quddiem il-ġustizzja, l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna mhumiex jaħdmu.
Meta kien mistoqsi: “Does this mean that the institutions are working now?”
Busuttil wieġeb: “No.”
Simon Busuttil, li l-ġimgħa l-oħra, flimkien ma’ Roberta Metsola u David Casa instiga dibattitu fuq Malta, xejjen ukoll il-ħidma tal-Prim Ministru Robert Abela sabiex tkompli tissaħħaħ is-saltna tad-dritt f’pajjiżna.
Qal hekk minkejja li fid-dibattitu li instiga hu stess, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Věra Jourová nnutat ir-riforma kbar li wettqet l-amministrazzjoni mmexxija minn Dr Robert Abela fosthom fil-ġudikatura.
Meta reġa’ kien mistoqsi: “Do you give him any credit?”
Busuttil stqarr: “I’m sorry I don’t buy this”
Intant Simon Busuttil sab ukoll iċ-ċans li jaqbeż għat-Times fid-dawl tal-aħħar żviluppi b’rabta ma’ allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus.
Bħal ma qalet it-Times, huwa qal li din il-midja hija vittma.
Huwa qal, “The Times itself let’s face it, is a victim of what happened.”