“Konna qegħdin narawh, niżżel il-qalziet sa għarkubtejh u jiġri wara d-debba u jsawwatha u jtiha biex jagħmel flok iż-żiemel.”
Dan huwa l-kumment li tana raħħal Għawdxi wara li Robert Omo, Niġerjan ta’ tnejn u għoxrin sena nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti t’Għawdex quddiem il-Maġistrat Monica Vella, mixli b’moħqrija tal-annimali.
Il-każ seħħ l-Erbgħa, f’razzett fix-Xewkija fejn il-pulizija elevat filmat minn kameras tas-sigurtà li allegatament juru lill-akkużat isawwat debba b’rim tal-ħadid u tyres.
Minn informazzjoni esklussiva li kiseb ONE News jirriżulta li fil-filmat ir-raġel jidher allegatament iniżżel il-qalziet biex ikollu x’jaqsam mad-debba li iżda kif spjega r-raħħal ma ħallietux, anki jekk ma tagħtux biż-żewġ.
Ir-Raħħal stqarr, “Ma ħallietux imma hu pprova għax hu niżżel il-qalziet, għalhekk niżżel, jgħidlek, jekk dak nagħmel.”
Iż-żagħżugħ ġie arrestat l-għada tal-każ wara li kien ntlemaħ idur fl-akwati tar-razzett fejn seħħ l-allegat att.
Jirriżulta li sid ir-razzett għaraf l-imputat u prova jżommu bid-diskors.
“Għedt issa nżommu bid-diskors, kont qed nimmarinah flok ħalli ma jitlaqx u ħarġet il-mara u t-tfal u għedtilhom għamlu li għandkom tagħmlu, m’għedtilhom ċempel l-pulizija biex ma jifhimnix, ħalli nżommu hemm.” Kompla jgħid ir-raħħal.
Meta l-imputat telaq, dan baqa’ jiġi segwit, sakemm ġew il-pulizija u arrestawh barra s-supermarket tal-LIDL li hemm barra r-Rabat, Għawdex.
Huwa tressaq il-Qorti mill-ispettur Bernard Charles Zammit fil-jum tal-Ġimgħa
Nifhmu li d-debba, li allegatament ġiet maħqura kienet imgerxa u dan ġie nnutat mir-raħħal meta mar biex jagħlef il-bhejjem.
Ir-raħħal saħaq magħna li huwa dispjaċut b’dak li ġara għaliex il-bhejjem li għandu jħobbhom b’imħabba tal-ġenn.
“Iva, iva, aħna ddispjaċuti għall-mewt għax sawwatha, aħjar ta lilna milli ta lilhom ħa ngħidlek. Aħna dawk il-bhejjem parti mill-familja tagħna, inħobbuhom daqs id-dawl t’għajnejna.” Temm jgħid ir-raħħal.