Il-kampjonat tal-futbol Amerikan intrebaħ waqt avveniment magħruf bħala s-Super Bowl mill-Kansas City Chiefs.
Dan wara li għelbu t-tim rivali s-San Francisco 49ers fil-Hard Rock Stadium f’Miami, bir-riżultat finali jkun dak ta’ 31-20.
Minkejja l-logħba tant maħbuba mill-Amerikani tattira udjenza liema bħala, ħafna iktar ikunu qed jistennew b’ħeġġa kbira dawk il-ħmistax -il minuta pawża f’nofs il-logħba fejn il-grawnd li fih tintlagħab il-logħba tinbidel f’palk li ta’ kull sena jkollu stilel tax-xena mużikali differenti.
Din is-sena kien imiss lill-kantanti ta’ fama mondjali Shakira u Jennifer Lopez li taw prestazzjoni liema bħala lill-udjenza preżenti u lil dawk li kienu qed isegwu b’mod virtwali.
Fi tnax-il minuta rnexxielhom ikantaw madwar għoxrin kanzunetta fosthom She Wolf, Whenever Wherever, Jenny from the Block, Waiting for tonight u d-diska tar-rapper Cardi B, I like it.
Fuq il-palk kien hemm ukoll il-kantanti J Balvin u Bad Bunny iżda mument li żgur ħadd mhu ser jinsa huwa l-mument meta t-tifla ta’ Lopez, Emme, serqet ix-xena u kantat Let’s Get Loud u fl-istess ħin id-dwal iffurmaw salib bil-kuluri vjola u isfar u lluminaw il-palk biex ifakkru l-memorja tal-istilla tal-basketball Kobe Bryant u bintu li tilfu ħajjithom traġikament b’ħelikopter f’Kalifornja.
Ta’ min jinnota li l-istilel fuq il-palk oriġinaw kollha mill-Amerika t’isfel tant li Jennifer Lopez innifisha kellha kostum magħmul li wera l-bandiera ta’ Puerto Rico. Din ħafna qed iqisuha bħala manuvra politika u bħala battuta għall-President tal-Istati Uniti, Donald Trump.
Min-naħa tiegħu l-President Amerikan għamel żball oħxon meta mar jawgura lir-rebbieħa imma rrefera għal Kansas bħala stat meta fil-verità Kansas City hija reġjun fl-istat Amerikan ta’ Missouri.