Il-Knisja Kattolika qed tħares lejn is-sena elfejn u wieħed u għoxrin, bħala waħda speċjali ħafna, ikkaratterizzata minn bosta avvenimenti u tifkiriet speċjali.
Fil-mija u ħamsin sena minn meta San Ġużepp ġie ddikjarat patrun tal-knisja universali, il-Papa Franġisku qal li din is-sena se tkun ċelebrazzjoni ddedikata lil dan il-qaddis.
It-Teologu Fr Hector Scerri spejga li l-Konċilju ta’ Nicea, fis-sena tliet mija u ħamsa u għoxrin wara Kristu, kien stabilixxa li l-Għid il-Kbir jiġi dejjem il-Ħadd fuq l-ewwel qamar kwinta ta’ wara r-rebbiegħa.
Minn hawn bdiet id-drawwa li nhar l-Epifanija titħabbar id-data tal-Għid u l-festi ewlenin ta’ matul is-sena.
Qal kif, “L-Għid il-Kbir fis-sena 2021 se jkun il-Ħadd 4 t’April. Allura minn hemmhekk imbagħad jiġi determinat meta jibda r-Randan eżempju jibda fis-17 ta’ Frar.”
It-teologu spjega li din is-sena hija speċjali ħafna għas-Sengleani, li se jfakkru l-mitt anniversarju mindu l-Knisja Parrokjali ġiet iddikjarata bażilika mill-Papa ta’ dak iż-żmien.
Hija sena speċjali wkoll għall-Knisja Kattolika hekk kif il-Papa Franġisku se jwettaq il-ħolma tal-predeċessuri tiegħu bi żjara storika fl-Ilvant Nofsani tal-Iraq.
Spjega, “Il-Papa Franġisku jħobb imur dawn il-postijiet tal-periferiji. Ħa jmur l-Iraq li huwa pajjiż Musulman fil-maġġoranza tiegħu imma hemm l-Insara ukoll f’minoranza żgħira.”
It-teologu jinsab ottimist biex din is-sena, pajjiżna jilqa’ lill-Papa Franġisku, hekk kif din iż-żjara kellha ssir fl-aħħar jumejn ta’ Mejju li għadda u ġiet posposta minħabba l-imxija.