Fil-jiem li ġejjin se titħabbar sistema ġdida ta’ kif jiġu kkalkulati l-kontijiet tad-dawl u l-ilma għar-residenti.
B’hekk, se tkun qed titneħħa anomalija li kienet inħolqot bis-sistema eżistenti, li nbdiet fl-2009 taħt gvern Nazzjonalista.
Dan ħabbritu l-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża, Miriam Dalli, li spjegat li dan it-tibdil irrikjeda ħidma sfiqa għal numru ta’ xhur mill-aspetti legali u tekniċi minħabba li kien hemm bżonn tibdil radikali fejn tidħol il-liġi.
Hija qalet li dan ix-xogħol issa huwa lest, biex b’hekk is-sistema l-ġdida tista’ titħabbar fil-jiem li ġejjin.
Il-Ministru Dalli żiedet tgħid kif dan it-tibdil qiegħed isir minkejja l-pressjonijiet internazzjonali kbar li qiegħed jesperjenza s-settur tal-enerġija madwar id-dinja kollha.
Fid-dawl ta’ dawn il-pressjonijiet, fil-jiem li ġejjin, hija mistennija tieħu sehem fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Enerġija tal-Unjoni Ewropea li se jitlaqqa’ b’mod urġenti.
Hija tenniet l-impenn tal-Gvern li jibqa’ ta’ sostenn għan-negozji u għall-familji Maltin u Għawdxin.
Il-Ministru responsabbli mill-Enerġija rrimarkat li l-Gvern ma jaqbilx li jkun hemm tnaqqis obbligatorju fil-konsum tal-enerġija kif qiegħed jiġi propost fil-fora Ewropea.