“Din hi triq li bħala Kunsill Lokali ilna nagħmlu pressjoni fuq il-Gvern u ilna f’taħdidiet mal-Gvern għal dawn l-aħħar tliet snin. Ta’ dan nixtieq nirringrazzja lill-Ministru preċedenti, Joe Mizzi, tal-importanza li ta u nirringrazzja wkoll lill-Minsitru Ian Borg talli kompla għaddej fuq dan il-proġett matul din il-leġislatura.”
Dan kien il-messaġġ li xtaq iwassal is-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar, Marc Vella Bonniċi hekk kif issa nħarġet is-sejħa għall-offerti biex tinbena mill-ġdid Triq Bormla ġewwa Ħaż-Żabbar jew kif inhi magħrufa aħjar bħala t-Triq taċ-Ċawsli. Dan b’ investiment ta’ ħames miljun ewro.
Kien il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg li ħabbar din is-sejħa, il-ġimgħa filgħodu.
Is-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar Marc Vella Bonnici qal lill-Kunsill Lokali laqqa’ din l-aħbar b’ sodisfazzjon kbir, hekk kif it-triq tant importanti ser tkun qed issir mill-Gvern Ċentrali għax il-Kunsill Lokali qatt ma’ seta jidħol fi spejjeż kbar hekk.
Vella Bonnici jispjega l-importanza ta’ din it-triq li tgħaqqad flimkien tlett ibliet fin-naħa t’ isfel ta’ Malta.