Il-Prim Ministru qal li għax-xahar id-dieħel se jkunu qed jitħabbru miżuri ġodda bilanċjati kontra l-firxa tal-Coronavirus.
Waqt il-ħin tal-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li mhux se jkun qed iħabbar lockdown jew curfews, fejn in-nies jissakkru fi djarhom għal xi żmien.
Dr Robert Abela rrefera għal dak li qed jiġri fl-Olanda fejn in-nies irvellaw kontra miżuri ristrettivi iebsin fil-pajjiż riżultat tal-imxija.
Il-Prim Ministru qal li l-miżuri għax-xahar ta’ Frar se jkunu hemm biex partikolarment jilqgħu għaż-żmien tal-Karnival.
Qal li Malta dejjem ħarset lejn miżuri bilanċjati biex tikkontrolla l-virus u rrimarka li bħalissa l-Gvern qed iħares biex f’Marzu imbagħad pajjiżna jkompli jimxi lejn ir-ritorn tan-normalità.
Saħaq ukoll li għax-xahar ta’ Frar il-bars se jibqgħu magħluqa u li fil-jiem li ġejjin se titħabbar kif se tkun qed tasal l-għajnuna lis-sidien tal-bars u l-każini li għaddejjin minn sfida riżultat tal-pandemija.