Il-President tal-klabb tal-futbol ta’ Valletta Victor Sciriha ddikjara li jekk is-sena d-dieħla Valletta FC se jieħdu xi unur ma jridux li dan jirċevuh minn idejn il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Futbol Malti, l-MFA, Bjorn Vassallo.
Ir-rivali Valletta kienu tliet punti taħt Floriana u f’kummenti li ta lil ONE News, is-Sur Sciriha sejjaħ għar-riżenja tal-ogħla uffiċjali tal-MFA, fosthom tal-President Bjorn Vassallo.
Is-sur Sciriha sejjaħ lil dawn l-ogħla uffiċjali tal-MFA bħala l-qirda tal-futbol Malti.
Sciriha sejjaħ bħala ħniżrijiet meta tlabnih jirreaġixxi għad-deċiżjoni tal-kunsill tal-MFA li ddikjara fost oħrajn ċampjins lil Floriana FC wara li l-kampjonat waqaf ħesrem minħabba l-imxija tal-Coronavirus.
Spjega kif ma kienx hemm bżonn vot għaliex hawn bosta timijiet li m’għandhomx simpatija mat-tim tal-Belt.
Żied jgħid li d-domandi li tpoġġew għal vot waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-MFA tat-Tnejn filgħaxija kienu “tailor made” biex jgħaddu u saħaq li m’hu qed ineħħi l-ebda mertu ta’ Floriana FC li jsiru ċampjins tal-futbol Malti.
Victor Sciriha qal lil ONE News li b’dawn l-aħħar żviluppi huwa se jibqa’ President tal-klabb anki jekk ftit ilu kien iddikjara li dan kien l-aħħar staġun tiegħu.
“Sakemm l-affarijiet jirranġaw ruħhom, iva, nibqa’ hemm għax jiena dawn l-inġustizzji m’huma sbieħ għall-ebda tim”, saħaq is-Sur Sciriha.
Tista’ ssegwi siltiet mill-intervista li ta l-President ta’ Valletta FC VictorSciriha lil ONE News fuq it-telefon.