Waqt il-programm Paperscan il-Ħadd filgħodu, l-Editur Maniġerjali tal-gazzetta Maltatoday, Saviour Balzan b’reazzjoni għall-aħbar li fl-2017 Jason Azzopardi mar il-Hilton ta’ Tel Aviv f’kamra mħallsa minn Tumas Group, il-Grupp ta’ Yorgen Fenech, Balzan innota kif wieħed irid jara din l-istorja fid-dawl li Jason Azzopardi huwa wieħed minn dawk li prova jpenġi stampa kerha dwar kull min b’xi mod jew ieħor kellu x’jaqsam ma’ Yorgen Fenech u l-grupp li kien imexxi.
Huwa stqarr li l-ebda politiku ma jista’ jpenġi li huwa nadif tazza meta fil-verità dan ma jkunx minnu. Huwa wieġeb ukoll għall-dak li tenna Jason Azzopardi fejn filwaqt li kkonferma l-istorja rrappurtata prova jiġġustifika li kien biss irrikorra għall-Tumas Group wara li ma sabx lukanda ġewwa Tel Aviv. Hawnhekk dwar id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, Balzan stqarr li huwa infurmat li għandu tradizzjoni twila li dan l-istess deputat joqgħod jitlob in-nies għall-affarijiet b’xejn. Dan filwaqt li qallu biex ma jisfidahx filwaqt li kkonferma li l-istorja hija ppruvata b’evidenza iswed fuq l-abjad hekk kif intqal fl-artiklu.
Saviour Balzan qal: “Skużi inkun politiku, inċempel għax għandi bżonn immur insib lukanda, issa ma nafx min imur Tel Aviv għal erbgħa, ħamest ijiem u ma jibbukjax il-lukanda imma nsomma, ma jimpurtax, imma dan mhux l-ewwel każ. Jiena infurmat li Jason Azzopardi għandu tradizzjoni twila li jitlob in-nies l-affarijiet b’xejn u jekk jogħġbok ma jisfidanix, għax jiena l-iktar ħaġa importanti li fil-politika ma tippruvax tidher iktar verġni milli int.”