Sa l-aħħar ta’ din il-ġimgħa se jibdew jirċievu l-istedina biex jitlaqqmu kontra l-Covid-19 dawk ta’ bejn il-75 u t-80 sena.
Qal dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fuq ONE waqt il-programm Pjazza.
Id-Deputat Prim Ministru spjega li dawk il-persuni se jibdew jitlaqqmu ħmistax-il jum ieħor.
Qal li fl-isptar Mater Dei biss qed jingħataw mal-elf tilqima kuljum.
Intant Chris Fearne spjega kif it-tilqim lill-anzjani miexi b’ritmu tajjeb ħafna.
Huwa sostna li dawk il-persuni ta’ ’l fuq minn 85 sena kważi tlaqqmu kollha u fadal ftit persuni li jeħtieġ jirċievu l-vaċċin fi djarhom għaliex għandhom problemi ta’ mobbiltà.
Tenna wkoll li tlaqqmu aktar minn żewġ terzi tal-anzjani li għadhom bejn it-80 u l-85 sena u hu kkalkulat li dawn jitlestew sal-ewwel ġimgħa ta’ Marzu.
Il-Ministru għas-Saħħa qal li llum se tinqabeż iċ-ċifra ta’ 70,000 elf doża ta’ tilqima kontra l-Covid-19.
Id-Deputat Prim Ministru saħaq li s’issa huma vera ftit dawk il-persuni li rrifjutaw li jieħdu l-vaċċin għall-kontra l-Coronavius.