“Sal-aħħar ħames minuti li qed nitkellem ma kien hemm l-ebda każ ta’ Coronavirus f’Malta.”
Iddikjara dan dalgħodu l-Kap tad-Dipartiment tal-Patoloġija Dr Chris Barbara meta kien qed jagħti l-aħħar aġġornament fil-programm ONE Breakfast.
Dr Barbara qal li fit-3:00 ta’ filgħodu daħal xi ħadd f’pajjiżna mill-ajruport bid-deni u ġie iżolat sakemm saru t-testijiet meħtieġa.
Qal li f’dan il-każ ukoll it-test irriżulta fin-negattiv.
Dr Barbara tenna dak li qalet ilbieraħ is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci li kemm- il darba jfeġġ każ tal-Coronavirus f’pajjiżna, l-awtoritajiet se jkunu qed jinfurmaw lill-pubbliku mal-ewwel.
Dr Barbara spjega wkoll li wara li jittieħed kampjun biex isir it-test għal Coronavirus, dan jagħti riżultat fi żmien sagħtejn.
Fl-ajruport u fil-Port hemm tagħmir apposta li jkejjel it-temperatura fil-ġisem tal-bniedem u għalhekk dan qed jgħin biex f’każ li jidħol xi ħadd infettat bil-virus, jinqabad mal-ewwel.