F’konferenza tal-aħbarijiet mid-Depot fil-Furjana, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà ta dettalji ġodda b’rabta mal-qtil doppju li seħħ ġimgħa ilu.
Huwa fakkar kif ġimgħa ilu inqatlu it-Tabib Dr. Chris Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski ġewwa dar lussuża fi Triq Locker kantuniera ma’ Triq Tony Nicholl, f’Tas-Sliema.
Il-Kummissarju Gafà spjega li b’kollox ġew sparati sitt tiri u r-reat dam erba’ minuti biss.
“Illum nista nikkonfermalkom li dakinhar kien hemm sitt tiri ta’ pistola 9mm. Maciejowski kellu tir ġo moħħu. Filwaqt li s-Sur Pandolfino kellu erba’ tiri, tnejn f’sidru, wieħed f’għonqu u ieħor f’rasu. U jidher allura li kien hemm tir li ma laqat lil ħadd minnhom”
Gafà kompla jispjega li minn filmati elevati minn fuq diversi kameras tas-sigurtà ġie konkluż li l-karozza użata għar-reat kienet ġiet misruqa sentejn ilu mill-Gżira, bil-pjanċi wkoll ġew misruqa minn fuq karozza oħra.
Il-karozza instabet ġewwa l-garaxx tal-RMF fi Gwardamanġa u wara stħarriġ forensiku li sar ġo fiha instabu xi ħwejjeġ li ntużaw waqt ir-reat, xi propjetà misruqa mid-dar ta’ Pandolfino u kif ukoll il-pjanċi li dehru fuq il-vettura waqt id-delitt.
Il-Kummissarju spjega wkoll li ġol-karozza instabu ukoll żewġ armi repliki li kienu tat-tip AK47 u Thomson Rifle.
Gafà kkonferma wkoll dak li kien żvela ONE News fis-sigħat ta’ wara r-reat li sa issa l-Pulizija qed tqis dan il-każ bħala serqa hekk kif minn fuq il-vittmi insteraq ammont ta’ deheb.
“F’dan l-istadju għadu qed jiġi stabbilit x’seta nsteraq minn fuq il-post pero potenzjalment deheb minn fuq iż-żewġ vittmi. Allura il-pulizija sal-lum qegħda tqis dan il-każ bħala każ relatat ma serqa.”
Wara stħarriġ forensiku li sar il-Pulizija bdiet issegwi l-passi ta’ dak meqjus bħala s-suspettat ewlieni fil-qtil doppju, iżda l-Kummissarju tal-Pulizija ma riedx jikkonferma l-identità tar-raġel barrani arrestat.
“Li ser ngħidilkom biss huwa li dan l-arrest sar frott investigazzjoni forensiċi li wettaqna fl-aħħar ġranet. U filfatt f’dawn l-aħħar jiem il-pulizija kienet qed isegwi l-passi ta’ din il-persuna li aħna qed nikkunsidraw li huwa l-prime suspect f’dan il-każ, il-moħħ ta’ dan il-każ wara li llum kellna konferma fejn kien qed jistaħba. Ittieħdet deċiżjoni li nesegwixxi dan l-arrest. Filfatt irrid ngħidilkom ukoll li dan l-arrest seħħ wara li l-pulizija kellha mandat ta’ arrest maħruġ mill-Maġistrat inkwerenti, l-Maġistrat Dr Ian Farrugia.”
Ġie nnutat ukoll li mas-sejba tal-vettura li ntużat fir-reat l-istess raġel waqaf jiffirma fl-għassa tal-lokalità fejn joqgħod u kien għalhekk li l-Pulizija ipproċediet bl-arrest it-Tlieta waranofsinhar.
Il-Kummissarju spjega li fir-rejd li seħħ fi Triq San Franġisk fil-Furjana l-Pulizija minn diversi sezzjonijiet fosthom tal-Ispecial Intervention Unit u mit-Taqsima tar-Reati Maġġuri daħlu armati ġewwa residenza fejn wara li użaw numru ta’ flashbangs, ħatfu arma tan-nar minn id l-allegat moħħ wara dan il-qtil.
Il-Kummissarju kompla jispjega li mar-raġel ġew arrestati żewġ persuni oħra b’wieħed minnhom mistenni jiġi akkużat bl-allegat ħabi ta’ persuna.
Wara l-arrest il-ġuvni ttieħed il-poliklinika tal-Furjana wara li beda jilmenta b’xi uġigħ fi snienu madankollu huwa ġie rilaxxat mill-Pulizija ftit tal-mumenti wara fejn minn hemm ittieħed fil-lockup tal-Pulizija għal aktar stħarriġ.
Il-Kummissarju tal-Pulizija aċċenna li bħalissa l-pulizija tinsab fi stadju delikat tal-investigazzjonijiet u appella għall-kawtela.
“Allura jien hawnhekk, ridt ngħid li dan illum il-każ qiegħed f’fażi delikata ħafna u tifhmu li f’dan l-istadju l-pulizija ma tistax tiżvela aktar dettalji. Hawnhekk nappella wkoll biex ir-rapporti tal-midja jkunu rapporti prudenti b’kawtela sabiex f’dan l-istadju naċċertaw li din l-investigazjzoni tintemm b’suċċess u ma tkunx preġudikata.”
Il-Kummissarju rringrazzja wkoll lil dawk kollha involuti fl-investigazjzoni li f’perjodu ta’ ġimgħa waslu għal allegat moħħ wara dan l-omiċidju.
“Irrid ukoll nenfasizza li dan huwa s-sitt każ ta’ omiċidju tas-sena bl-ewwel 5 jkunu kollha solvuti. Dan ikkonferma dak li ilni ngħid kemm ghandna investigaturi kapaċi u tajbin.”