Il-Gvern permezz tal-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli ħabbar li se ssir riġenerazzjoni ta’ Ġnien l-Indipendenza f’Birżebbuġa.
Dan se jsir b’investiment ta’ mitejn elf ewro u se joffri aċċessibilità lil persuni b’diżabilità, jassigura effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u jipprovdi kenn lil min iżuru.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li l-għan ta’ dan il-proġett huwa li joffri iżjed spazji miftuħa madwar pajjiżna, fejn in-nies ikun jistgħu jirrilassaw f’ambjent sigur u sostenibbli.
“Qegħdin naraw li noffru spazju li huwa aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità, fejn qegħdin nagħtu importanza lill-effiċjenza fl-enerġija u l-użu tal-ħażna tal-ilma f’dan il-ġnien, fl-istess ħin li nkunu qegħdin nużaw l-iktar materjal sostenibbli.”
L-aġent sindku ta’ Birżebbuġa qal kif bħala kunsill jilqa’ din l-aħbar, hekk kif dan il-ġnien jista’ jitgawda mir-residenti.
“Proġetti bħal dawn, upgrades fil-komunitajiet tagħna huma importanti mmens. Bħala kunsill, flimkien mal-Ministeru għall-Enerġija qegħdin naraw investiment ieħor fil-lokalità ta’ Birżebbuġa, fejn ir-residenti tagħna jkollhom post fuq upgrade ta’ ġnien fil-qalba tal-komunità biex ikun jista’ jitgawda mir-residenti tagħna.”
Dan il-proġett li qed isir minn Parks Malta se jkun mifrux fuq tliet snin u se jsir f’fażijiet differenti.
Fl-ewwel fażi, Parks Malta se tirrestawra l-istruttura tal-ilma u l-ħitan. Hawnhekk se jitħawlu diversi siġar u arbuxell.
Fit-tieni u t-tielet fażijiet se jsiru t-tibdiliet meħtieġa fil-pavimentar u se jiġu nstallati aktar dawl u bankijiet ġodda.