Jekk għandek aspirazzjoni li tibni karriera twila fit-turiżmu, bħalissa hu l-aħjar żmien biex tieħu l-ewwel pass.
Ma’ ONE News, il-Kap Eżekuttiv tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi, Pierre Fenech, spjega li dan seħħ għaliex tul il-pandemija, diversi professjonisti fl-industrija bidlu xogħolhom għal bosta raġunijiet.
Dawn mhux kollha rritornaw lejn it-turiżmu, issa li l-qasam qed jerġa’ jirpilja, u allura l-postijiet tagħhom għad iridu jimtlew.
“Issa ġara li hemm ħafna postijiet vakanti, mhux biss f’livelli baxxi, imma minn fuq ukoll. Li se naraw hu li se jkun hemm progressjonijiet ukoll. Hu ż-żmien tajjeb li tidħol fl-intervista għaliex se jkun hemm progress fil-karrieri fil-futur qrib.”
L-Istitut għall-Istudji Turistiċi fil-fatt mhux biss jiffoka fuq li jiggwida studenti żgħażagħ lejn karriera fil-qasam skont l-abbiltajiet tagħhom, imma jara wkoll li joffri taħriġ ta’ kwalità lil min diġà hu mlaħħaq fit-turiżmu.
“Dak hu importanti għaliex hekk nassiguraw il-kwalità fis-settur. Jekk irridu mmorru għal turiżmu tal-kwalità, skont anke l-istrateġija għas-snin li ġejjin, irridu ninvestu fir-riżorsi umani tagħna għaliex it-turiżmu jiddependi ħafna minn dan. U l-ITS se jilgħab rwol importanti f’dak kollu.”
Il-mod kif it-turiżmu qed jirpilja mhuwiex biss rifless fil-motivazzjoni tal-pubbliku li jerġa’ jivvjaġġa, iżda anke fl-ammont ta’ studenti ġodda li għażlu li jibnu karriera fit-turiżmu fuq il-gwida tal-ITS.
Dan, fi kliem il-Kap Eżekuttiv, juri għal darb’oħra li dan hu settur li minkejja d-daqqiet, dejjem joħroġ aktar b’saħħtu.
“Fl-aħħar sentejn ilħaq qisu 700-750 u din is-sena lħaqna l-livelli tal-2020. Dan sodisfazzjon kbir għalina għaliex għall-bidu bsarna li se naraw tnaqqis fl-applikazzjonijiet għall-ewwel darba wara snin. Dan ma sarx. Juri wkoll li l-istudenti ż-żgħar li telgħin jemmnu fir-reżiljenza tal-industrija tagħna.”