Operazzjoni kbira mill-Pulizija tal-Ispecial Intervention Unit u tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga s-Sibt filgħaxija fil-Birgu wasslet għall-arrest ta’ ġuvni ta’ madwar 20 sena li diġá huwa magħruf mal-Pulizija.
F’din l-operazzjoni li kienet maħsuba sal-iċken dettall, l-Pulizija ċċirkondat vann tat-tip Mitsubishi Shogun b’żewġ vetturi pajżana sakemm eventwalment il-vann twaqqaf bil-forza hekk kif ir-raġel baqa’ għaddej. Kien hawn li x’ħin waqaf diversi uffiċjali tal-Pulizija mgħammda u armati sa snienhom taw is-salt għall-vann u arrestaw lir-raġel fuq il-post. Fl-istess vettura mal-ġuvni kien hemm ukoll tifla.
Tfittxija li saret fil-preżenza tar-raġel wasslet għal sejba ta’ arma tan-nar kif ukoll ta’ sikkina kbira li t-tnejn kienu moħbija fil-vann.
Sussegwentament, r-raġel ġie arrestat u ttieħed id-Depot tal-Pulzija għal aktar stħarriġ. Il-vann li kien qed isuq ir-raġel ġie rmunkat permezz ta’ lowloader li ġie kkummisjonat mill-Pulizija bil-għan li tissokta l-investigazzjoni forensika fuqhu.
Fl-istess waqt li r-raġel kien qed jiġi arrestat biswit iċ-ċentru sportiv ta’ Bormla, aktar Pulizija rredjaw numru ta’ residenzi fejn wettqu aktar tfittxijiet għal sustanzi llegali li setgħu jiġu traffikati.
Aktar żviluppi dwar dan il-każ mistennija jidħlulna fis-sigħat li ġejjin.