“Rajt il-fili jinfetħu kollha u l-bini jinżel ħofra”
Dan huwa dak li stqarr ma’ dan l-istazzjon, Raymond Parnis, l-għada tad-diżgrazzja li ħasdet il-ħajja ta’ Miriam Pace fi Triq Joseph Abela Scolaro meta ġġarfitilha darha kawża ta’ xogħlijiet ta’ skavar f’sit ta’ kostruzzjoni li jmiss eżatt ma’ darha.
Is-Sur Parnis qalilna li huwa kien bilqiegħda fuq banketta u ra d-dar tiġġarraf.
“Kienu xis-sagħtejn u kwart, jien kont qiegħed bilqiegħda hawn hekk, b’banketta fejn il-garaxx wiċċi l’hemm, kull ma smajt ****, il-fili nfetħu kollha, kollha nfetħu l-fili jiġifieri imbagħad il-bini niżel hekk, ħofra.”
Spjegalna li ra l-ġar tal-familja Pace u beda jgħajjatlu.
Saħaq li l-bini niżel f’kemm trodd salib, kif anki jixhed dan il-filmat li ttella’ fuq il-midja soċjali wara li ġie elevat minn fuq kamera tas-sigurtà.
“Kien hemm raġel joqgħod maġenbha ħareġ fil-gallarija u bdejt ngħajjatlu, għedtlu Joe Joe, oħroġ minn hemm, oħroġ minn hemm għax waqa’ l-post ta’ maġenbek, oħroġ minn hemm u miskin ħareġ barra jagħti fuq wiċċu u hekk, dak li rajna jiġifieri, f’kemm trodd salib, lanqas żewġ sekondi, niżel kollox.”
Is-Sur Parnis li kellimna tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod minn dak li għad fadal mid-dar tal-familja Pace qal li baqa’ impressjonat bix-xena.
“Qisha waqgħet bomba nukleari, atomic bomb kif tagħmel, hekk telgħet, id-daħna hawn hekk, kollu daħna hawn hekk, qed ngħidlek bqajt impressjonat. Ommi qaltli ġejt aħdar ħaxix għedtilha qatgħa bħal dik mela mhux qatgħa?”
Intant l-għada tat-traġedja, dan l-istazzjon ra xena xokkanti ta’ dak li fadal mid-dar tal-familja Pace.
Innutajna l-arloġġ li baqa’ jdur fil-kċina, żgur mhux għal Miriam Pace, il-vittma li l-Ħadd kienet se tagħlaq ħamsa u ħamsin sena.
Raymond li żgur se jibqa’ jiftakar din it-traġedja, qalilna li mill-ewwel ħaseb li Miriam Pace kienet f’darha fil-ħin li seħħ il-każ.
“Imbagħad bdejna nistaqsu ħalli naraw jekk hemmx xi ħadd id-dar u kien hawn tnejn ġirien tagħna qalulna f’nofsinhar rajniha, kellmuha, għedt mela miskina hemm hekk qiegħda.”
Miriam li bħal żewġha Carmel kienet devota tal-Madonna tal-Karmnu se tingħata l-aħħar tislima l-Ħamis li ġej proprju fil-Bażilika tal-Karmnu fil-Belt li d-dar tagħha kienet msemmija għaliha.