Raġel ta’ 37 mill-Pietà jinsab fil-periklu tal-mewt wara li kien involut f’inċident tat-traffiku.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-għaxra neqsin kwart tal-Ħadd filgħaxija fi Triq Nazzjonali l-Ħamrun. Kien Kuntistabbli li nnota li karozza tal-għamla Ford Ka kienet qed tieħu n-nar.
Il-Kuntistabbli ta’ l-ewwel għajnuna lis-sewwieq biex joħroġ mill-karozza filwaqt li sejjaħ għall-assistenza medika mill-Isptar Mater Dei kif ukoll għall-Protezzjoni Ċivili, li tfew in-nar f’qasir żmien.
Il-Pulizija mill-Għassa tal-Ħamrun u mis-sezzjoni tar-Rapid Intervention unit marru minnufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari illi sar irrużilta li għal xi raġuni r-raġel tilef il-kontroll tal-karozza li kien qed isuq u ħabat ma’ siġra.
Ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura, fejn aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.