Raġel jinsab rikoverat l-isptar Mater Dei wara li ndarab waqt argument f’Paceville.
Kien għall-ħabta tad-21:00 ta’ filgħaxija meta żewg karozzi tar-Rapid Intervention issejħu f’Paceville wara ġlieda bejn żewġ persuni x’aktarx ta’ nazzjonalità barranija fi Triq San Ġorġ f’San Ġiljan. Minn informazzjoni li kiseb ONE News jidher li żewġ persuni kellhom argument fejn allegatament intużaw xi fliexken fil-ġlieda.
Evidenti fuq ix-xena tar-reat id-demm fuq l-istage tal-linja magħruf bħala tar-Ross, fejn seħħ l-argument. Fuq il-post isejħet ukoll ambulanza fejn ħadet wieħed mill-irġiel involuti fl-argument l-isptar Mater Dei biex jingħata l-kura meħtieġa.
L-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan il-każ qed jitmexxew mill-Pulizija tal-Għassa ta’ San Ġiljan.