Ġorġjan ta’ 27 sena nstab mejjet f’għadira demm wara li waqa’ minn fuq ċint fi Triq Wied tar-Ruman fil-Mellieħa.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-10:10 tal-Ħadd bil-lejl.
Immedjatament fuq il-post issejjaħ tim mediku mill-isptar Mater Dei iżda sfortunatament ir-raġel ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Dwar dan il-każ inħatret inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Rachel Montebello li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha. Fuq il-post kien hemm ukoll it-tabib forensiku Mario Scerri.
Bħala parti mill-investigazzjonijiet hu mifhum li l-Pulizija elevaw xi filmati tas-sigurtà minn stabbiliment u xi residenzi fil-viċinanzi ta’ fejn seħħ l-inċident.
Il-każ qed jiġi investigat mill-Ispettur Paula Ciantar u l-pulizija tal-għassa tal-Mellieħa.