Raġel li l-identità tiegħu għadha mhix magħrufa miet wara li nqabad taħt numru ta’ pjanċi fl-Imġarr. L-inċident seħħ għall-ħabta ta’ 17:30 ġo maħżen tal-irħam fi Triq il-Ħaddedin. Minn informazzjoni li kiseb one.com.mt jidher li r-raġel kien qed iħott xi ħadid meta għal xi raġuni waqgħu l-pjanċi fuqu.
Immedjatament fuq il-post issejjaħ tim mediku mill-isptar Mater Dei mmexxi mit-tabib Dr Michael Spiteri madankollu r-raġel ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Dwar dan il-każ inħatret inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella li ħatret numru ta’ esperti sabiex jassistuha. Fuq il-post issejħu wkoll uffiċjali mill-Awtorità għas-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA.