Mellieħi ta’ 46 sena tilef ħajtu traġikament is-Sibt waranofsinhar wara li ħabat bil-mutur li kien qed isuq fuq il-pont tal-Mistra, fix-Xemxija.
L-inċident seħħ għall-ħabta tat-tlieta neqsin għoxrin ta’ waranofsinhar fi Triq it-Telgħa ta’ Selmun meta għal xi raġuni l-mutur tal-għamla KTM misjuq mill-vittma ħabat f’karozza tal-għamla Toyota Passo misjuqa minn mara ta’ disgħa u erbgħin sena mil-Litwanja u li toqgħod San Pawl il-Baħar.
L-ewwel ma waslu fuq il-post sabiex jagħtu l-ewwel għajnuna kienu membri tal-Protezzjoni Ċivili mill-istazzjon tax-Xemxija li kienu stazzjonati mitt metru ‘l bogħod minn fejn seħħ l-inċident.
Ftit tal-mumenti wara wasal ukoll tim mediku mill-Isptar Mater Dei li ċċertifika lill-Mellieħi mejjet fuq il-post.
Il-mara ngħatat assistenza medika ukoll u ttieħdet l-Isptar Mater Dei minħabba li kienet qiegħda ssofri minn qatgħa kbira.
Dwar il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Neville Camilleri li ħatar diversi esperti forensiċi u tat-traffiku sabiex jgħinuh fl-investigazzjoni.
Kawża tal-inċident it-triq kellha tingħalaq għat-traffiku għal diversi sigħat.
L-investigazzjonijiet dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.
Aqra wkoll:
http://www.one.com.mt/2020/02/01/mark-camilleri-huwa-r-ragel-li-aktar-kmieni-tilef-hajtu-wara-li-kien-involut-fincident-tat-traffiku-bil-mutur/