Raġel ta’ 32 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li kien involut f’ħabta b’mutur f’Tas-Sliema aktar kmieni llum.
L-inċident seħħ għall-ħabta ta’ 8:40am.
Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post, fejn minn l-ewwel investigazzjonijiet li saru rriżulta li r-raġel minn San Pawl il-Baħar li kien qed isuq mutur Yamaha, tilef il-kontroll u waqa’ bil-konsegwenza li weġġa’ rasu ma’ vettura Nissan misjuqa minn Eġizzjan ta’ 37 sena li jgħix il-Gżira.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza li ħadet lir-raġel l-isptar għall-kura meħtieġa. Iktar tard, hu ġie ċċertifikat li ndarab serjament.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Astrid May Grima LL.D li ħatret Inkjesta filwaqt li għaddejjin l-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan.