Fil-Konkatidral ta’ San Ġwann ġie ċċelebrat il-mitt anniversarju mindu twaqqaf il-Parlament Malti.
Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof Charles Scicluna fakkar f’dawk li bnew l-istituzzjoni tal-Parlament għal dik li hi llum il-ġurnata u sostna li l-irwol tal-Membri Parlamentari preżenti u dawk li ġejjin, huwa li jġeddu din l-istituzzjoni.
Huwa qal li bħalma ntqal minn Ġesù fl-Evanġelju, il-Membri Parlamentari għandhom jgħożżu l-att t’imħabba u anke dak tas-smigħ, hekk kif b’dawn biss jista’ jsir ix-xogħol tal-Parlament kif suppost.
L-Arċisqof irringrazzja wkoll lill-membri kollha, talli l-ispazju għal djalogu mas-soċjetà dejjem qed jikber, u qal li r-rappreżentanti huma l-leħen, il-qalb u l-kuxjenza tal-poplu.
Dan b’mod speċjali f’dan iż-żmien partikolari, fejn dak li jintqal u li jsir fil-Parlament jiġi mxandar u b’hekk l-għajnejn tal-poplu huma dejjem fuq ir-rappreżentanti.
“It-talba tiegħi fuqkom illum, f’isem il-poplu tagħna hija li aħna u niċċelebraw il-mitt sena ta’ din l-istituzzjoni importanti, mhux biss nawgurawlha futur, għax dak ifisser li aħna nibqgħu ngħixu u ngawdu ambjent verament demokratiku.”
L-Arċisqof ħeġġeġ lir-rappreżentanti kollha biex jgħaddu leġiżlazzjonijiet li jkunu għall-ġid komuni, u awgura li din l-istituzzjoni jkollha ħajja twila u produttiva.