F’attività politika f’Marsaxlokk il-Prim Ministru Robert Abela tkellem ukoll dwar il-ħaddiema barranin f’pajjiżna u ħabbar li bħalissa għaddej proċess ta’ abbozzar ta’ qafas regolatorju ġdid dwar it-temping agencies – l-aġenziji li jġibu l-ħaddiema barranin jaħdmu f’pajjiżna.
Dr Abela sostna li l-aġenziji Jobs Plus u Identity Malta għaddejjin bix-xogħol biex jaraw li l-ħaddiema barranin ikunu f’xogħlijiet li hemm nuqqas ta’ ħaddiema fihom. Dan anke biex iwarrab sitwazzjoni ta’ ingaġġ bl-addoċċ u bla rażan ta’ ħaddiema barranin u fejn mhux meħtieġ.
Il-Prim Ministru saħaq li l-ħaddiema barranin iridu jgħinu fl-iżvilupp ekonomiku ta’ kwalità biex l-ekonomija Maltija tkompli tikber, waqt li l-Maltin u l-Għawdxin ikollhom kwalita ta’ ħajja aħjar.
Huwa sostna li l-komunitajiet iridu jkunu siguri u nodfa. Dan anke permezz ta’ infurzar grazzi għal-preżenza qawwija ta’ forzi tal-ordni fit-toroq Maltin u Għawdxin. Il-Prim Ministru qal ukoll li l-Gvern se jkun qed jappoġġja iżjed lill-Kunsilli Lokali favur ibliet u rħula sbieħ.
Dwar l-għoli tal-ħajja, Dr Abela qal li pajjiżna qiegħed jiġġieled din l-isfida, bis-sussidji b’saħħithom fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fuel. Dan wassal biex il-prezzijiet tal-enerġija u l-ilma baqgħu stabbli u ntqal li l-Gvern huwa kommess li din tinżamm, anki fil-baġit għas-sena d-dieħla, li se jitħabbar fil-ġimgħat li ġejjin.