Propju lejlet il-festa ta’ Santa Marija Ġorġ Debono magħruf bħala iż-żiż sibnieh idoqq il-mota ta’ nofsinhar; mhux mill-kampnar tal-knisja imma mill-garaxx li għandu mad-dar tiegħu.
Ġorġ li jgħodd it-tnejn u tmenin sena qalilna li xtara l-ewwel qanpiena tiegħu li kienet iżgħar mill-pala ta’ idu meta kien għadu l-iskola u minn hemm dejjem baqa’ jżid biex llum għandu kollezzjoni ta’ ħmsitax-il qanpiena ta’ kull daqs.
L-ewwel qanpiena li xtrajt, kienet żgħira, xtrajtha mingħand wieħed minn Ħal Balzan ħabib tiegħi, għax konna l-iskola flimkien…u xtrajtha 6 pence u anqas kelli 6 pence.
Jiftakar saħansitra meta f’Ħal Lija waslu sett qniepen ġodda u l-kappillan talbu jgħaqqad grupp biex jibdew idoqqu l-qniepen fejn hu dam snin jagħmel dan.
Meta mistoqsi jekk il-ġirien igergrulux minħabba d-daqq tal-qniepen, Ġorġ qalilna li dawn mhumhiex oġġett li ddoqqhom spiss.
Iddoqq iddoqq, ma tistax idoqq il-hin kollu hawn għax kieku jagħmlu għalik in-nies. Ħeqq, dawna ħeqq, jagħmlu storbju t-trakkijiet u affarijiet ma jgħidu xejn imma dawn bija ħeqq, nieħu paċenzja, trid tieħu paċenzja, għax ikollhom it-tfal. Dawk mhux oġġett toqgħod iddoqqhom il-ħin kollu. Dak oġġett f’xi festa, kien hawn Sant Anton kienu jagħmlu quddiesa kont indoqqha.
Kwazi emozzjonat Ġorġ Debono qalilna li għandu żewġ t’iqniepen li wegħedhom lill-Madonna.
Il-Madonna ħelsitni minn ħafna diżgrazzji kull meta tlabtha, għaddejt minn tant mirakli. Dawk tnejn minnhom għall-knisja…issa mmur nieħu l-qies, jekk joqogħdu ntieha tnejn jew ma joqogħdux intieha waħda u forsi oħra żgħira.
Ġorġ qalilna li daqq il-qniepen ta’ Malta kollha u kulħadd jgħajjatlu biex idoqqilhom malli jarawh. Ġorġ qalilna bi kburija li malli jara l-qniepen, qalbu tinfetaħ.
U x’ħin narahom, qalbi tinfetaħ…u meta kont żgħir anke kont immur tal-Mirakli anke meta jkun hemm il-festa, ta’ tifel li kont kont indoqqhom, u nsomma ħeqq, komplejna hekk.