Birżebbuġa huwa r-raħal li twieled fih u għal aktar minn 20 sena kien is-Sindku tar-raħal twelidu, qed nirreferi għal Joseph Farrugia, jew kif inhuwa magħruf l-aktar ir-Riki.
Huwa kkontesta seba’ minn tmien elezzjonijiet tal-kunsilli lokali li fihom dejjem ġie elett bħala s-sindku, u okkupa din il-kariga għal 23 sena.
Iltqajna mar-Riki ftit jiem qabel ma uffiċjalment iħalli l-kariga tiegħu bħala sindku, fejn imdawwar b’dak kollu li joffri Birżebbuġa, qalilna kif huwa kien iddeċieda li jikkontesta l-ewwel elezzjonijiet tal-kunsilli li saru f’Malta.
Joe Farrugia kien jaħdem għall-rasu u wara li refa’ mix-xogħol ddedika ħinu kollu għar-raħal li tant iħobb.
Spjegalna wkoll kif ma qata’ qalbu minn xejn, basta dak li jagħmel jagħmlu għal ġid tar-raħal.
Hawn irrakontalna episodju ta’ meta kien bi protest tefa’ ġebla kbira quddiem id-daħla fejn sa ftit taż-żmien ilu kien għadu jinħażen il-fjuwil fil-qalba ta’ Birżebbuġa.
“Jiena bdejt nipprotesta minħabba l-fjuwil li kien ħiereġ fil-baħar u taħt id-djar tan-nies flimkien ma’ sħabi, l-akbar sodisfazzjoni tiegħi li llum qiegħed nara dak li ġġilidna għalih aħna, wara kważi 27 sena qiegħed jitwettaq, dak li aħna xtaqna.”
Is-Sindku ħabrieki b’qalbu tħabbat għar-raħal, bid-dmugħ f’għajnejh qalilna li d-deċiżjoni li ħa ma kinetx waħda faċli, iżda ċ-ċirkostanzi wasluh jagħmel dak li ma xtaqx.
“U kelli nagħmel li ma rridx, m’hemx x’tagħmel…ħassejtha. Birżebbuġa il-qalb tiegħi, ir-residenti l-qalb tiegħi, imma s-saħħa m’għadhiex dik li kienet.”
Minkejja li mhux ħa jibqa’ fil-kariga ta’ sindku, huwa se jibqa’ fil-kunsill, għaliex fl-aħħar mill-aħħar se jibqa’ jonora dak li kien elett biex jagħmel, jiġifieri jservi lir-residenti Birżebbuġin.
“Ħa nibqa’ kunsillier, ħa nibqa’ ngħin lis-sindku u lil sħabi tal-Kunsill, nibqgħu magħqudin u nikkoperaw għax bl-għaqda l-lokal igawdi.”
Fl-aħħarnett, ir-Riki fakkar lil kulħadd illi r-raħal m’huwiex tal-kunsill lokali, imma ta’ kull resident li jgħix fil-lokal, għalhekk ilkoll għandna nieħdu ħsieb l-ambjent ta’ madwarna fost oħrajn.