Il-ħoss tal-mutur li tant kienet tħobb akkumpanja lil Michelle Curmi hi u tingħata l-aħħar tislima. Dan hekk kif numru ta’ sewwieqa tal-muturi, ħbieb tagħha u tal-familja iltaqgħu fejn il-kamra mortwarja sabiex flimkien iwassluha saz-zuntier tal-knisja tal-Imġarr.
Michelle Curmi ta’ 32 sena, tilfet ħajjitha wara li l-mutur li kienet riekba fuqu kien involut f’ħabta ma’ karozza f’Mdina Road, Ħaż-Żebbuġ lura fis-sbatax ta’ Mejju.
Barra l-kamra mortwarja fejn inġabru numru ta’ sewwieqa tal-muturi kmieni filgħodu, tkellimna ma’ Alex Vella, President tar-‘Rebels Motorcycle Club’ li stqarr kif bejn is-sewwieqa hemm rispett kbir u għalhekk it-telfa ta’ waħda minnhom hija esperjenza iebsa għal kulħadd.
“Missierha member fil-klabb tiegħi, fic-chapter tiegħi, and we believe in respect, għax li ġralha, qed tifhimni accident ħażin. And that’s respect mate. If you don’t pay respect in life you got nothing hux vera.”
It-tebut abjad twassal saz-zuntier tal-knisja tal-Imġarr fejn hemmhekk sari l-funeral biċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa. F’mument tant iebes għall-qrabatha u dawk l-aktar għeżież għaliha, huma xorta waħda kellhom isegwu l-prekawzjonijiet kontra t-tifrix tal-Coronavirus.
Filfatt, fuq iz-zuntier dawk kollha li kienu preżenti ttieħditilhom it-temperatura ta’ ġisimhom filwaqt li baqgħu imbiegħda minn xulxin. Mal-art fuq iz-zuntier twaħħlu wkoll sinjali apposta sabiex għalkemm f’dan iż-żmien wieħed irid jieħu l-prekawzjonijiet kollha, il-qraba u l-ħbieb xorta kellhom l-opportunità biex jagħtu tislima li tixraq lil Michelle Curmi f’dan l-aħħar vjaġġ tagħha.