Uffiċjali tad-Dwana għamlu qabda storika ta’ sigaretti fil-Port Ħieles.
Kontejner ta’ erbgħin pied li kien fi triqtu mir-Russja lejn pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea, intagħżel biex jiġi skennjat mal-waslta tiegħu f’Malta.
Il-kontenjer ġie ddikjarat bħala wieħed li kien qed iġorr l-injam, iżda wara li ġie skennjat, l-uffiċjali tad-Dwana innutaw affarijiet suspettużi moħbija bejn injama u oħra.
Meta ġie spezzjonat l-injam ma deher xejn suspettuż, għalkemm mill-ewwel ġew innutati diskrepanzi fil-piż.
Kien hemmhekk li l-uffiċjali kissru waħda mill-injam fejn minnha ħarġu 48 pakkett ta’ sigaretti tal-kuntrabandu. Sussegwentament instabu aktar sigaretti moħbija bejn l-injam.
Wara operazzjoni li ħadet aktar minn sitta u tletin siegħa, instabu 145,000 pakkett b’20 sigarett ’il wieħed. B’kollox kien hemm 2,900,000 sigarett. It-taxxi ammontaw għal aktar minn €670,000.
Il-qabda ġiet issekwestrata mid-Dwana għal aktar investigazzjonijiet.
L-OLAF, il-Europol u l-Awtoritajiet tal-pajjiż Membru Stat li fih kien sejjer il-kontejner, ġew infurmati bil-qabda.