Minn kmieni dalgħodu sa tard wara nofshinar, f’numru ta’ lokalitajiet, dehru jittellgħu messaġġi iebsin kontra l-aġir ta’ Roberta Metsola f’diversi każijiet riċenti.
ONE News huwa nfurmat li dawn il-kartelluni ttellgħu l-ewwel quddiem id-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista li propju llum kien qed jilqa l-assemblea tal-Partit Popolari Ewropew.
Għal din il-laqgħa kellha tattendi u tindirizza lil dawk preżenti l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola iżda jirriżulta li ftit ħin qabel id-diskors tagħha, hi infurmat lill-organiżatturi li kienet weħlet fil-belt ta’ Pariġi u għalhekk ma kinitx se tlaħħaq.
Madankollu, NET News xandar ritratti u rraporta żjara li Roberta Metsola għamlet illum stess mad-delegazzjoni tal-Partit Popolari Ewropew fil-Palazz tal-GranMastru, fil-Belt Valletta.
Barra d-Dar Ċentrali uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista dehru jkellmu lill-Pulizija u jġibu trakkijiet biex jippruvaw ineħħu dawn il-kartelluni. Xi ħaġa li ma rnexxilhomx jagħmlu.
Anke barra l-Palazz, fi Pjazza San Ġorġ, dehru kartelluni ta’ protesta, fejn Maltin u turisti spiċċaw jaqrawhom u jieħdu ritratti tagħhom.
Fost il-kartelluni li ra ONE News kien hemm kundanna għal mod kif Metsola ħatret lir-raġel t’oħtha bħala Kap tal-Kabinett tagħha, b’salarju ta’ €20,000 fix-xahar.
Metsola ppersistiet b’din il-ħatra wara li kienet irtiratha qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew meta l-midja Taljana kienet żvelat x’kienet se tagħmel Metsola.
Kartellun ieħor wera ritratt tas-sit tal-aħbarijiet Politico li kien irraporta kif Metsola ma ddikjaratx l-interess ta’ żewġha Ukko fl-industrija tal-cruiseliners fost l-oħrajn fir-Royal Caribbean Group.
Wara l-każ Qatargate fl-2022, Metsola kienet imbuttat regoli ġodda biex uffiċjali għolja tal-Parlament Ewropew jiddikjaraw kull kunflitt ta’ interess. Iżda Metsola għażlet li teskludi lilha nnifisha minn dawn ir-regoli u għalhekk ma ddikjarjat xejn dwar żewġha li hu wieħed mill-akbar lobbyist fl-Ewropa.
It-tielet kartellun ta’ protesta jirreferi għal mod kif Roberta Metsola, David Casa u Peter Agius ivvutaw kontra li l-Parlament Ewropew jiddibatti d-deċiżjoni ta’ Iżreal li ma jħallix ħaddiema tan-Nazzjonijiet Magħquda jipprovdu servizzi fit-territorju tiegħu.
Din mhix l-ewwel darba li l-MEPs Nazzjonalisti għalqu għajnejhom għal dak li qed iseħħ f’Gaza. Is-sena li għaddiet, il-President tal-Parlament Ewropew żaret l-Iżreal biex tati l-appoġġ wara l-attakk tal-Hamas, mingħajr ma kkundannat ir-ritaljazzjoni ta’ Iżreal, li qatlet eluf ta’ Palestinjani.