Il-Ħadd waranofsinhar fil-Belt Valletta saret protesta minn dawk li qed jgħidu li bl-emenda fil-kodiċi kriminali li qed jipproponi l-Gvern, se jkun qed jiddaħħal l-abort.
Dawk li organizzaw il-protesta, li fl-imgħoddi kienu wkoll kontra riformi importanti oħra, qed jgħidu li se jidħol l-abort, minkejja li l-artikli kollha li jagħmlu l-abort illegali kienu u se jibqgħu fil-liġi Maltija.
Fost dawk li hemm fuq quddiem nett tal-kampanja kontra l-Gvern hemm l-eks Ministru Nazzjonalista Tonio Fenech, nies mill-Kurja tal-Arċisqof u strateġisti tal-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt il-Partit Nazzjonalista għamel tiegħu din il-protesta b’reklamar qawwi u billi qed imexxi fil-parlament il-gidba li dieħel l-abort.
Preżenti wkoll dawk li fil-Partit Nazzjonalista dejjem mexxew kampanji kontra r-riformi. L-eks Kap Nazzjonalista Lawrence Gonzi reġa’ sab postu fl-istess folla mal-eks Ministri Tonio Fenech, Tonio Borg u Francis Zammit Dimech. Protagonisti wkoll Pawlu Borg Olivier, Godfrey Leone Ganado u deputati Nazzjonalisti preżenti.
F’din il-protesta, ġiet innutata wkoll preżenza qawwija ta’ sorijiet u qassisin, li wħud dehru jaslu bi trasport organizzat li waqqafhom fi Triq Ġlormu Cassar.
Qalb dawk li attendew u li dehru jintlaqgħu bi prominenza, kien hemm ukoll il-Pastor tar-River of Love Gordon Manche.
Manche qal, “Kull min hu favur il-ħajja għandu jkun hawn.”
Fost il-kelliema fi tmiem il-protesta kien hemm Dr Miriam Sciberras, omm li kienet fuq quddiem nett kontra l-Gvern kull darba li ried iwessa’ s-servizzi tal-IVF f’pajjiżna. Dejjem qalet li dak li kien qed isir kellu x’jaqsam mal-abort anke jekk kienu liġijiet biex jitwieldu t-tfal.
Sciberras baqgħet tirreferi għall-emenda tal-Gvern bħala abort u qalet li se jinqered il-ġens Malti.
Hi qalet, “Abort jonqosna biex jinqered il-poplu Malti”
U filwaqt li fil-Parlament Karol Aquilina ta x’jifhem li l-maltemp tal-aħħar jiem bagħtu Alla, Miriam Sciberras ukoll jidher li temmen li Alla għandu x’jaqsam mat-temp u l-emenda.
Sciberras qalet, “Nirringrazzja l-alla tat-temp, talli fetħilna l-ajru”