PROĠETTI LI SE JAGĦTU NIFS ĠDID LILL-KOMUNITAJIET
“Dawn il-proġetti se jkunu qed iservu ta’ nifs ġdid għal-lokalità tagħna, b’mod partikolari għar-residenti.”
Hekk sostnew is-Sindki ta’ Ħal Għaxaq u ta’ Tal-Pietà fid-dawl tal-aħbar li l-lokalitajiet tagħhom huma tnejn minn sittax-il komunità li se jibbenefikaw minn investiment ta’ għaxar miljun ewro għall-iskema ta’ Project Green bl-isem ta’ ‘Community Greening Grant’.
Dawn il-proġetti se jservu bħala investiment dirett fil-komunitajiet, fi spazji ħodor miftuħa li se jtejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Is-Sindku ta’ Ħal Għaxaq, Darren Abela, qal li jinsab sodisfatt li r-residenti ta’ Ħal Għaxaq issa se jkollhom żona ta’ rikreazzjoni fejn flimkien, bħala familji, jistgħu jqattgħu ħinhom fi spazju miftuħ u adegwat. Il-proġett se jservi wkoll biex jinqatgħu ċerti abbużi.
“Se jkollhom post fil-viċin tagħhom fejn se jkunu jistgħu jirrikreaw ruħhom. Barra minn hekk, il-weġgħa tal-Għawdxin kienet dejjem l-abbuż li kien isir f’duin iż-żona. Grazzi għal dan il-proġett, dawkl-abbużi kollha se jinqatgħu.”
Spjega kif din iż-żona ilha snin tiġi vvandalizzata, b’bosta jarmu l-ħmieġ tagħhom hemm. Issa, permezz ta’ dan l-investiment, iż-żona se tkun qed tinbidel f’waħda aktar sikura.
Min-naħa tagħha, is-Sindku ta’ Tal-Pietà, Zoya Attard, spjegat kif dan l-investiment se jkun qed jara żona mibdula għal waħda aktar aċċessibbli għal kulħadd.
“Se jkollhom aktar fejn jilagħbu, se jkun aktar safe bħala equipment tal-bandli, jiġifieri se jkun hemm inqas ċans li jewġġgħu it-tfal, però anke bħala residenti inġenerali, tal-lokalità u tal-madwar, ikunu jistgħu jgawdu dan l-ispazju miftuħ.”
Hija rrimarkat li, filwaqt li, qabel, din iż-żona kienet qed titgawda mit-tfal biss, permezz ta’ dan il-proġett se tkun tista’ titgawda mill-familja kollha, u anki minn persuni b’diżabilità.
Kemm fil-proġett ta’ Tal-Pietà kif ukoll f’dak ta’ Ħal Għaxaq se jsiru ġibjuni biex bihom jissaqqew is-siġar u l-pjanti tal-post.