Iċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far jinsab mgħasses mill-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta u l-pulizija erbgħa u għoxrin kuljum sakemm l-immigranti fiċ-ċentru jibqgħu jiġu ordnati biex joqogħdu fi kwarantina mandatorja.
It-Tnejn filgħodu barra ċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far, kollox deher taħt kontroll bi preżenza qawwija tal-forzi tal-ordni.
Suldati armati se jgħassu ċ-ċentru f’Ħal Far sakemm tibqa’ fis-seħħ l-ordni ta’ kwarantina mandatorja għal elf immigrant. B’kollox hemm mal-mitt suldat li se jkun assenjati barra ċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far, kif spjegat il-Logutenent Kayleigh Gelfo.
“Min-naħa tagħna qedin nassistu lil pulizija. Sabiex ħadd ma joħroġ mill-open center. Qed isir security 24/7.” Stqarret Gelfo.
B’effett immedjat mill-Ħadd filgħaxija, il-Ministru għall-intern Byron Camilleri ħabbar li r-residenti taċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far iridu joqogħdu kwarantina għal ġimagħtejn minħabba li kien hemm immigranti li ġew infettati bil-coronavirus. Bl-immigranti kkoperaw mal-awtoritajiet.
“Kollox beda l-ħadd filgħaxija, matul illejl u filgħodu ma kienx hawn problemi anki resident fehmu u ħadd l-messaġġ.” Saħqet Gelfo.
Il-forzi tal-ordni flimkien mal-awtoritajiet qegħdin jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex tiġi mħarsa s-saħħa u s-sigurtà tal-poplu Malti u Għawdxi, hekk kif qed jiżdiedu l-każijiet trasmessi lokalment.