Illejla, Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta inbidlet f’atmosfera maġika mimlija projezzjonijiet kkuluriti, mużika u Xena tan-Nattività.
Għalkemm il-Pandemija Covid-19 bidlet il-mod kif l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta qed torganizza l-attivitajiet tal-Milied fil-Belt din is-sena, l-projezzjonijiet tal-Milied fuq il-faċċata tal-Palazz u l-Każin Malti, joħolqu atmosfera maġika f’Pjazza San Ġorġ u li tista’ titgawda b’mod san f’dawn il-ġranet.
Ix-Xena tan-Nattività fuq il-Main Guard, f’Pjazza San Ġorġ hija x-xogħol tal-artista Lisa M. Kaehler. Ix-xogħol artistiku tar-rappreżentazzjoni ta’ din is-sena tax-xena tan-nattività, tirrakkonta t-twelid ta’ Kristu f’sekwenza kontinwa. Karattri varji, ispirati minn figuri tradizzjonali tal-presepju, jidhru fuq il-ħames panelli hekk kif huma jinġabru biex jagħtu merħba lil Ġesu Bambin fostna.
L-istil tax-xogħol artistiku diġitali juri tpinġijiet grafiċi b’saħħithom u delikati fl-istess ħin u li huma kważi newtralizzati mid-disinji spontanji bl-id li jikkaratteriżżaw tpinġijiet bil-henna u li jżejnu din ix-xena.
Imxu mixja fi Triq ir-Repubblika jew Triq il-Merkanti u ħudu r-ritratti matul it-triq.