Persuna instabet mejta fil-kamra tal-banju t’appartament f’Misraħ Dorell f’Santa Luċija.
F’dik deskritta bħala xena mill-iktar makabra, il-persuna nstabet fil-banju mgeżwra minn rasha sa saqajha ġo boroż suwed.
Sorsi qalu ma’ dan l-istazzjon, li żvela dan il-każ, li l-ġisem tal-persuna kien ilu bla ħajja għal madwar erba’ t’ijiem.
Kienu għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ waranofsinhar li l-ġirien irrapurtaw in-nuqqas tal-persuna hekk kif kienu ilhom ma jarawha.
Dan filwaqt li mal-pulizija rrappurtaw ukoll riħa tinten ħierġa mill-appartament.
Minn hemm hekk il-Pulizija flimkien ma’ membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili marru fuq il-post fejn sabu l-ġisem stat ta’ dekompożizzjoni..
Ftit tal-ħin wara waslu wkoll l-Ispettur Keith Arnaud mit-taqsima tal-omiċidji fid-dipartiment tal-investigazzjonijiet kriminali flimkien ma’ membri mit-taqsima tal-forensika sabiex iwettqu l-investigazzjonijiet tagħhom.
Il-kelliem uffiċjali tal-Pulizija spjega mal-midja li kollox jindika li dan kien każ ta’ omiċidju.
Fuq il-post waslet ukoll il-karozza tal-mejtin fejn fiha tpoġġa l-katavru li ttieħed fil-kamra mortwarja fl-Isptar Mater Dei sabiex hemmek issir l-awtopsja u tiġi stabbilità l-identità tal-persuna.
Fil-fatt il-kelliem tal-Pulizija spjega kif l-identità tal-persuna ma’ kienetx stabbilità fuq il-post hekk kif il-ġisem ma’ nħarigx minn ġol-boroż.
Dwar il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Astrid May Grima.