Il-proġett tal-British Building f’Bormla, xogħol id-ditta tal-periti ta’ Edwin Mintoff rebaħ l-unur internazzjonali għall-aqwa wirt arkitettoniku kulturali minn kompetizzjoni li kienet organizzata mnin ‘A Design Awards’.
Din il-kompetizzjoni tagħti rikonoxximent li l-aqwa proġetti li jkunu saru fid-dinja matul is-sena l-oħra , minn ġurija magħmula minn esperti internazzjonali.
F’kumment ma’ dan l-istazzjon, il-perit Dr. Edwin Mintoff qal li din il-kompetizzjoni għandha fama mondjali fejn iktar minn mitt pajjiż mid-dinja ħadu sehem fiha.
“Unur kbir għalija ma stennejtix li se nieħdu daqshekk unur prestiġjuż, u nemmen ukoll li mhux għalija biss imma għal pajjiżna ukoll għaliex huwa xi ħaġa li huma rikonoxxut mad-dinja kollha.”
Il-Perit Mintoff qal li dan il-premju se jkompli juri l-importanza ta’ din il-binja li mhux biss hija magħrufa għall-karattarestiċi arkitettoniċi tagħha iżda anke fuq il-marka li ħalliet fuq l-istorja ta’ pajjiżna.
“Dan il-bini ġarrab ħsara irreperabbli fit-tieni gwerra dinjija. Interesanti li wieħed ikun jaf li propju naħa l-oħra, faċċata tiegħu kien hemm binja li kienet identika tal-British Building li kienet iġġarfet.”
Għal xi żmien din il-binja serviet bħala tarzna , fejn ġewwa fiha nsibu baċir numru wieħed, wieħed mil-eqdem baċiri li hawn ġewwa l-Ewropa. Riżultat tal-istat ta’ abandun li tħalliet fiha l-binja għal bosta żmien, żdiedu ħsarrat fil-binja. Il-perit jistqarr li għalkemm sabuha diffiċli biex jirriġeneraw din il-binja, huwa kburi li qed jerġa jagħti l-ħajja lil din il-binja daqstant importanti.
“Kien proċess diffiċli ħafna kif tista’ tappreza , għalxix wieħed jipprova jakkomoda attività kontemporanja daqshekk importanti u mhux sempliċiment takkomoda iżda ukoll sostennibli f’binja daqshekk antika tas-seklu dsatax, meta anke huwa fis-stat daqshekk ħażin huwa sfida, pero kienet esperjenza kbira għalina.”