“Il-verdett li sar tal-inkjesta taċċettah inti bħala avukat difensur? Iva jew le? Għax minn kliemek ma tantx aċċettajtu.”
“Le, le ma nistax naċċettah, fis-sens li tant hemm nuqqasijiet li jien ma nistax nasal għal konklużjoni ġusta li kien hemm.”
Dik kienet ir-reazzjoni tal-Eks Segretarju Ġenerali Nazzjonalista, l-avukat Pawlu Borg Olivier għall-konklużjonijiet tal-inkjesta Maġisterjali dwar l-immigranti.
Dan wara denunzja li ressqet l-għaqda Repubblika bil-firma kemm ta’ Borg Olivier innifsu u kif ukoll tal-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Jason Azzopardi.
Konklużjonijiet li sabu li la l-Prim Ministru Robert Abela, la l-Brigadier Jeffrey Curmi u la s-suldati ma kienu involuti f’omiċidju volontarju ta’ immigranti.
Fuq ix-xandir nazzjonali, l-avukat tar-Repubblika ħambaq ukoll li ma jaqbilx mal-konklużjoni tal-inkjesta li Malta onorat l-obbligazzjonijiet internazzjonali tagħha dwar is-salvataġġ tal-ħajjiet.
Fil-fatt għal darba wara oħra qal li l-inkjesta maġisterjali fiha n-nuqqasijiet.
Dan minkejja li nstemgħu mal-156 xhud bl-assistenza ta’ esperti tekniċi u ħafna iktar.
“Dak li hemm fl-inkjesta hemm mankanzi serji.
Il-konklużjoni tal-inkjesta għandha ħafna nuqqasijiet.”
L-inkjesta maġisterjali kkonkludiet ukoll li l-allegazzjonijiet serji fid-denunzja mir-Repubblika, li jġorru piena ta’ għomor il-ħabs, ma’ kinux msejsa fuq l-ebda provi.
Suġġett li tqajjem waqt l-istess programm.
“Jiġifieri Paul b’kull rispett l-uniċi dettalji, irqaqat li tirrikjedi l-liġi kienu l-cuttings tal-ġurnali? Għaliex jekk inhu hekk jien fil-fehma tiegħi l-Maġistrat lanqas messu jipproċedi bl-investigazzjoni.”
Pawlu Borg Olivier ma jweġibx u l-preżentatur jerġa’ jagħmillu l-istess mistoqsija.
“Issa inti avukat, tgħallimni żgur. Minn daqstant provi, il-cuttings biss tal-gażżetti kien hemm xi preżentajtu allura?
Le, le, le. Aħna ma preżentajniex il-cuttings tal-gazzetti.“
Pawlu Borg Olivier saħaq li f’denunzja ma hemmx għalfejn tippreżenta provi għall-allegazzjonijiet li tagħmel.
“M’hijiex sta għalina li jien Repubblika jew li jien l-Avukat tal-familjari li mietu li nippreżenta l-provi.”