Il-Papa Franġisku beda t-22 vjaġġ tiegħu barra l-Italja il-bieraħ it-Tnejn 15 ta’ Jannar 2018, meta tela’ fuq titjira mill-Ajruport ta’ Ruma għal vjaġġ ta’ 15-il siegħa lejn Santiago, Ċili.
Iż-Żjara Appostolika tal-Papa lejn iċ-Ċili u l-Perù se tieħdu f’sitt bliet differenti fi ftit inqas minn ġimgħa. Il-vjaġġ tiegħu jibda fil-kapitali taċ-Ċilen ta’ Santiago, fejn, minbarra l-quddies għall-fidili, il-Papa għandu jiltaqa’ mal-mexxejja ċivili u dawk reliġjużi kif ukoll iżur il-ħabs tan-nisa.
Għada l-Erbgħa, il-Papa se jżur Temuco, belt b’popolazzjoni indiġena kbira, qabel ma jirritorna f’Santiago għal-laqgħa maż-żgħażagħ.
Il-Papa Franġisku se jqatta’ l-aħħar ġurnata tiegħu fiċ-Ċili, fil-belt tal-port tat-tramuntana ta’ Iqique.