Ħadd ma weġġa’ meta, aktar kmieni llum, tkebbsu nirien f’appartament li jinsab fir-raba’ sular ta’ blokka t’appartamenti fi Triq San Mikiel, fl-Isla.
ONE News hu informat li t-talba għall-għajnuna daħlet għall-ħabta tas-siegħa u nofs ta’ waranofsinhar.
Minnufih waslu uffiċjali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u Pulizija, li mexxew l-operazzjoni ta’ tifi tan-nar u salvataġġ biex jassiguraw li ma kien hemm ħadd maqbud fil-blokka.
Fuq il-post kien hemm paniku minn xi nies li jgħixu fl-istess triq minħabba li kien hemm xi dħaħen fil-komun u n-nies ma setgħux jinżlu mis-sulari ta’ fuq, iżda l-uffiċjali kkontrollaw is-sitwazzjoni fi ftit ħin u raw li kulħadd joħroġ b’mod sigur.