F’ruling li ta llejla, fil-bidu ta’ seduta parlamentari, l-Ispeaker Anġlu Farrugia ddikjara li r-rappurtaġġ ta’ ONE News, fuq mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni u li ġiet diskussa nhar il-Ħamis li għadda, ma kienx wieħed falz.
L-Ispeaker qal bi kliem ċar daqs il-kristall li r-rappurtaġġ ta’ ONE News ma kien fih l-ebda rappurtaġġ falz wara li t-Tnejn filgħaxija, il-Viċi Kap Nazzjonalista David Agius qam biex jitlob ruling fuq rappurtaġġ ta’ ONE News.
“Ir-rappurtaġġ huwa riflessjoni ta’ dak li ġara fis-seduta msemmija waqt id-dibattitu tal-mozzjoni tal-Oppożizzjoni u li dan huwa każ ċar li jaqa’ fuq l-isfera leġittima ta’ espressjoni ħielsa u libertà tal-istampa”, saħaq l-Ispeaker tal-Parlament.
Ir-rapport ta’ ONE News kien dwar David Agius li ma kienx induna li l-Prim Ministru kien qed jikkwota mill-mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni stess waqt id-dibattitu tal-Ħamis 30 t’April.