“Bħalissa ninsabu f’Ta’ Kandja fis-Siġġiewi fejn proprju madwar għoxrin Pulizija f’kull shift jiltaqgħu hawnhekk biex għall-ħabta tas-seba’ ta’ filgħaxija jiġu assenjati x-xogħol li se jkunu jridu jagħmlu matul dak il-lejl partikolari”.
Proprju waqt dawn iż-żminijet ta’ festi, crew ta’ ONE News qatta’ lejl mal-Pulizija tat-taqsima tar-Rapid Intervention Unit jew kif inhi aktar magħrufa bħala l-RIU.
Waqt li konna hemm, stajna nesperjenzaw mill-viċin il-ħidma bla waqfien li ssir u li, f’dawn iż-żminijiet ta’ ċelebrazzjonijiet, tintensifka iżjed hekk kif, sfortunatament, numru ta’ persuni jibqgħu anke jsuqu taħt l-influwenza tal-alkoħol.
Waqt li konna qed insegqu ronda mal-Ispettur Raymond Joseph Azzopardi u Kuntistabbli tkellimna dwar ir-rutina li jgħaddu minnha l-Pulizija fil-bidu tax-xift, filwaqt li ġejna spjegati aktar fid-dettall x’inhu r-rwol ċentrali bħala uffiċjal tal-RIU.
“Jieħdu l-vettura kif ukoll l-armi u joħorġu fuq patrol fl-areas assenjati għalihom mis-surġent ta’ dak ix-xift. Min hemmhekk, imbagħad, il-Pulizija jduru l-areas assenjati. Joqogħdu attenti ovvjament għall-kontravenzjonijiet jew reati oħrajn li jistgħu jinzertaw kif ukoll nirċievu d-dispatches min-naħa tal-control room. Skont ovvjament it-telefonati u l-informazzjoni li jkunu daħlulhom fuq il-112 jew il-119. Minn hemmhekk, ladarba l-control room tibgħatna fuq xi xogħol, ovvjament il-pulizija u s-Surġent tax-shift jagħmlu basic assessment ta’ x’hemm bżonn bħala riżorsi min-naħa tal-RIU u ovvjament jintervjenu fuq il-biċċa tax-xogħol li jkun hemm.”
Waqt li konna qed induru fil-karozza magħhom, il-Pulizija dehru josservaw is-siti li morna fuqhom b’reqqa kbira. Innotajna kif huma ma jdurux biss postijiet traffikużi, iżda jidħlu f’parkeġġi pubbliċi kif ukoll postijiet imwarrbin biex jaraw li ma jkunu qed iseħħu l-ebda abbużi.
Komplejna nduru fit-toroq fejn hemm bdejna niltaqgħu ma’ numru ta’ kontravenzjonijiet, fosthom parkeġġ ħażin fejn f’dak il-każ, il-pulizija jesegwixxu l-liġi skont il-bżonn.
Aktar tard mal-ħin, esperjenza aktar xogħol minn dak li tipikament jitwettaq mill-RIU wkoll … din id-darba fuq road check.
“Kif tistgħu ssegwu warajja, għaddejja road check mil-Pulizija tal-RIU fejn għal dawn l-aħħar tliet kwarti, il-Pulizija qegħdin iwaqqfu l-karozzi u jiċċekkjawhom wieħed wieħed, waħda waħda, biex jaraw jekk hemmx xi kontravenzjonijiet. Numru ta’ kontravenzzjonijiet li diġà ltqajna magħhom, fosthom dawk bis-sewqan bl-użu tal-mowbajl kif ukoll mingħajr iċ-ċintorin tas-sigurtà.”
Minkejja li ċ-ċittadin komuni jara r-road check isir, l-Ispettur Azzopardi spjegalna li hemm numru ta’ strateġiji li huma jridu jimxu magħhom biex tiġi mħarsa is-saħħa tagħhom kif ukoll tas-sewwieqa, filwaqt li tiġi assigurata effiċjenza u ma jinġemax traffiku eċċessiv.
Qal, “Hemm il-kollegi fuq quddiem, dawk ikunu qegħdin jiċċekkjaw il-liċenzja tat-triq u jekk jissuspettaw li jista’ jkun hemm xi affarijiet oħrajn li jkunu ħżiena, hemmhekk nitfgħuhom mal-ġenb fejn jiġu spezzjonati aktar fil-fond fejn, imbagħad, hemmhekk niċċekkjaw anke l-insurance tal-persuna, il-liċenzja tal-persuna u anke affarijiet oħrajn li jkun hemm fil-vettura li jistgħu jkunu ta’ suspett.”
Ftit tal-minuti wara li r-road check beda, il-Pulizija, li kienu qed jassistu fl-ispezzjonijiet, lemħu mutur jaċċellera l-veloċità, filwaqt li qaleb il-karreġġjata li kienet maqsuma b’central strip. Hawn ħareġ biċ-ċar kemm il-pjan tal-Pulizija fejn jidħlu r-road checks huma effettivi.
Qal, “Kif rajna ftit aktar qabel kien hemm mutur aktar ’il fuq fejn kif lemaħ id-dawl tal-Pulizija tar-road check qasam is-central strip u allura mar fuq il-karreġġjata l-oħra fejn hemmhekk kellna vettura aktar ’l isfel fejn dawret u interċettat dan il-mutur fejn irriżulta li kien żagħżugħ ta’ tmintax-il sena li ma kienx kopert bil-polza tal-assigurazzjoni u kif ukoll bla liċenzja.”
“Wara numru ta’ rondi u spezzjonijiet fit-toroq, il-lejl tagħna mal-RIU jasal fit-tmiem. Minn hawnhekk, nirringrazzjawhom tal-ħidma tagħhom li jwettqu anke matul dawn iż-żminijiet ta’ festi”.