Ħames Maltin, erbat irġiel u mara, ġew arrestati b’rabta ma’ aggressjoni fuq Pulizija fil-Ħamrun.
Il-Pulizija sfaw aggrediti wara li ħarġu taħrika għal karozza li kienet ipparkjata illegalment. Kien f’dan il-punt li ħarġu numru ta’ persuni minn stabbiliment u li bdew jargumentaw mal-Pulizija, li taw ordnijiet għaż-żamma tal-ordni pubblika u għall-koperazzjoni tal-persuni kkonċernati.
Iżda huma injoraw dawn l-ordnijiet u kkawżaw ġrieħi lill-uffiċjali. Il-Pulizija kienu kostretti jużaw il-pepper spray u t-taser.
Fuq il-post, waslu aktar Pulizija u s-sitwazzjoni ġiet ikkontrollata. Il-persuni arrestati fuq il-post huma mara ta’ 42 sena u żewġt irġiel ta’ 46 u 44 sena. Mill-investigazzjonijiet irriżulta wkoll li kien hemm żewġ persuni oħra li telqu minn fuq il-post, żagħżugħ ta’ 23 u raġel ieħor ta’ 33 sena, li kienu involuti f’dan il-każ u li ġew identifikati minnufih u arrestati mir-residenzi rispettivi tagħhom.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza li ħadet liż-żewġ Pulizija l-Isptar Mater Dei għall-kura, fejn wieħed ġie ċċertifikat bi ġrieħi gravi u ieħor bi ġrieħi ħfief.
Il-Maġistrat Dr Abigail Critien ġiet infurmata b’dan il-każ filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Intant permezz ta’ messaġġ fuq Facebook, il-Ministru Byron Camilleri qal kif jinsab infurmat li numru ta’ persuni qed jinżammu arrestati wara li matul il-lejl aggredew Pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijithom fil-Ħamrun
Hu kkundanna dan l-aġir fejn appella għar-rispett mhux biss lejn il-forzi tal-ordni iżda kif ukoll lejn xulxin.
Kienu bosta persuni li kkundannaw dan l-aġir fejn filmat li ttella’ fuq il-midja soċjali juri proprju grupp ta’ persuni jattakkaw Pulizija li kienu qed jagħmlu xogħlhom fil-Ħamrun.