Għall-ħabta tas-2:00 ta’ waranofsinhar Triq l-Imdina fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ tgħattiet bi dħaħen suwed hekk kif qabdu nirien f’sit tal-kumpanija Attrans ltd fl-istess triq. Minħabba r-riħ qawwi in-nar malajr tħeġġeġ u numru ta’ inġenji bħal dgħajjes u fork lifters li jinsabu fis-sit wkoll ħadu n-nar filwaqt li bdew jidhru l-ilsna tan-nar tilgħin mid-dħaħen minn ġos-sit.
Il-ħidma sabiex ikunu ikkontrollati n-nirien issoktat filwaqt li l-istess triq kienet magħluqa għalkollox għat-traffiku. Dan filwaqt li bosta persuni bdew jinġabru biex isegwu l-ħidma tal-uffiċjali tal-protezzjoni ċivili u għaqdiet non-governattivi oħra.
One News tkellem mad-direttur tal-Protezzjoni Ċivili Emmanuel Psaila li spjegalna kif għalkemm ma kienx hemm nies li weġgħu minħabba n-nirien, ħaddiema mid-dipartiment tas-saħħa fuq il-post intalbu l-assistenza biex jgħinu uffiċjali tal-protezzjoni ċivili.
Is-Sur Psaila qal: “Ma jidher illi weġgħet l-ebda persuna imma għandna xi nies minn tagħna li forsi jkunu belgħu d-duħħan u allura jkollhom bżonn ukoll xi trattament minħabba l-ossiġnu. Hawnhekk fuq il-post għandna mat-28 fire figħter, 4minnhom uffiċjali, għandna wkoll l-NGOs illi qegħdin jgħinuna.”
Biex b’hekk sal-ħabta tal-4:15 ta’ waranofsinhar in-nar kien kważi mitfi għal kollox u s-sitwazzjoni kienet taħt kontroll.
Uħud mir-ritratti: Roza Roza