Dalgħodu reġgħu għaddejjin id-diskussjonijiet bejn il-Gvern, l-awtoritajiet tas-saħħa u r-rappreżentanti tal-edukaturi, fosthom il-unjin tal-għalliema, l-MUT.
F’kummenti li tat dalgħodu lill-ġurnalisti qabel it-taħdidiet ikomplu, il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana saħqet li bħala Ministeru jkun hemm diskussjonijiet kontinwi mal-awtoritajiet tas-saħħa.
Qalet li l-Gvern jimxi fuq il-parir tal-awtoritajiet tas-saħħa u jirrevedi d-deċiżjonijiet tiegħu skont il-pariri mogħtija mill-istess awtoritajiet tas-saħħa.
Il-Gvern kien saħaq li sa issa l-awtoritajiet tas-saħħa taw il-parir li l-iskejjel għandhom jiftħu.
Fil-fatt dan anki skont il-parir tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.
Ilbieraħ filgħaxija, fi tmiem laqgħat inkonklussivi, il-Ministru għall-Edukazzjoni qalet li kien hemm laqgħat kordjali ħafna u nistennew żblokki pożittivi.
Min-naħa tiegħu meta ordna l-istrajk, il-President tal-MUT Marco Bonnici kkonferma li l-Professur Charmaine Gauci ma qalitx li l-iskejjel għandhom jingħalqu.