Mahmud Ahmed Eġizzjan li jgħix fil-baracks ta’ Ħal Safi, baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie akkużat li hedded uffiċjali tad-detenzjoni u li neża’ għarwien fil-pubbliku għaliex ma tawhx landa bulubif.
Il-każ ġara wara li fil-lista tal-ikel li l-imputat ta lill-uffiċjali biex jixtrulu, kien hemm imniżżel landa bulubif, prodott li fiċ-Ċentru tad-Detenzjoni ma jistax jidħol minħabba li għandu landa li tista’ tintuża bħala arma.
Iżda xħin l-akkużat ġie miċħud minn dan il-prodott, irreaġixxa b’mod agressiv, hekk kif beda jhedded lill-uffiċjali u neża’ għerwien.
L-avukat difensur talab għall-ħelsien mill-arrest hekk kif qal li f’dan il-każ ma weġġa’ ħadd.
Iżda l-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Trevor Micallef oġġezzjonat għal dan, hekk kif qalet li l-Eġizzjan ġie Malta sitt snin ilu iżda ħamsa minnhom għamilhom il-ħabs fuq reati oħra.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea, rat kif l-imputat għandu fedina penali maħmuġa ħafna u li l-Eġizzjan m’għandux post alternattiv fejn joqogħod u għalhekk ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.