Missier ta’ 42 sena u ibnu ta’ għaxar snin indarbu wara li kienu involuti f’inċident stradali fi Triq Mons Mikiel Azzopardi, is-Siġġiewi.
L-inċident seħħ għall-ħabta ta’ nofsilejl, wara li r-raġel ta’ 42 sena għal xi raġuni tilef il-kontroll tal-karozza ta’ tip Suzuki Ignis u baqa’ dieħel ġo arblu tad-dawl.
Fuq il-post immedjatament issejħu il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili li assistew liż-żewġ vittmi peress li kienu maqbudin fil-vettura.
Isejjħet ukoll ambulanza b’tim mediku li ħadet lir-raġel u t-tifel l-Isptar Mater Dei għall-aktar kura, fejn wara ġie ċċertifikat li l-missier qed isofri minn ġrieħi gravi filwaqt li t-tifel minn ġrieħi ħfief.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.