Mit-tindif tar-ramm, sal-irtokk, u l-ilbies.
Il-perjodu li jwassal għall-Ġimgħa l-Kbira, huwa żmien mistenni minn ħafna, partikolarment dawk li jagħtu sehemhom fil-Purċissjoni tar-raħal, maħsuba biex, pass pass, tieħu lil dak li jkun fuq il-vjaġġ tal-passjoni ta’ Sidna Ġesu Kristu.
F’dan il-jum, ONE News żar il-parroċċa ta’ Ħal Luqa, fejn kienu għaddejjin l-aħħar tħejjijiet qabel toħroġ il-purċissjoni bil-vari.
Fiċ-Ċentru Parrrokkjali ltqajna ma’ diversi persuni li kienu għaddejjin bl-aħħar preparamenti, fosthom koppja partikolari – li għall-ewwel darba din is-sena se jilbsu ta’ Salamun u martu.
Kien hemm min tkellem dwar il-proċess twil biex jitnaddaf ir-ramm tal-kostumi, filwaqt li oħrajn tarrfulna li din hija tradizzjoni tal-familja.
Tkellimna wkoll ma’ Andre Farrugia, li huwa ċ-Chairperson tal-Grupp Ġimgħa Kbira f’Ħal Luqa.
Huwa stqarr magħna kif din il-Purċissjoni, li tmur lura mitejn u disgħa u erbgħin sena, tara s-sehem ta’ madwar tliet mija u ħamsin persuna.
Żied jgħid kif din is-sena, ir-raħal ta’ Ħal Luqa, se jżanżan vara ġdida – il-vara tas-salib imqaddes, biex b’hekk l-ammont ta’ vari tela’ għal għaxra.
“Apparti l-vari, għandek il-vestwarju li kif qed naraw warajna, jammontaw għal kważi tliet mija u ħamsin personaġġ.”
Silvio Camilleri, li għandu grupp tal-Paegant, tkellem kif kull sena, il-membri tiegħu jingħaqdu f’Ħal Luqa biex jilbsu wkoll f’din il-purċissjoni, li titlaq u tirritorna, ġewwa l-Knisja ta’ Sant Andrija.
“Għandi grupp, inħobb inlibbes in-nies jien, u niltaqa’ ma’ ħbieb. Għalija hija festa fl-istess ħin.”