Noel Cacciatolo tilef riġlu ftit żmien ilu u għalhekk juża siġġu tar-roti. Iżda jispikka l-kuraġġ ta’ dan ir-raġel li minkejja kollox, f’Marzu 2017, se jkun qed jipparteċipa f’maratona b’risq l-Inspire.
L-Inspire Malta spjegat li bis-saħħa tad-determinazzjoni tiegħu, b’fiżjoterapija intensa u volontà inkredibbli biex jgħix, mhux biss irnexxielu jerġa’ jimxi, iżda issa qiegħed jieħu sehem f’attivitajiet li uħud jistgħu jqisuhom bħala sfidi meqjusa bħala impossibbli.
Wara li għadda minn operazzjoni oħra ftit ġimgħat ilu, u wara li għal darb’oħra għadda xahar f’ċentru ta’ riabilitazzjoni, nhar is-Sibt li għadda Noel ipparteċipa fil-mixja Happy Day bħala għajnuna għall-Inspire.
“Il-fatt li rnexxieli nagħmel rotta ta’ 5km huwa biss il-bidu,” spjega Noel. “L-isfida li jmiss tiegħi hija li nlesti n-Nofs Maratona ta’ Malta, f’Marzu 2017. Dan ifisser xhur twal ta’ taħriġ, imma jien determinat li nagħmel dan, u li niġbor il-fondi għall-Inspire, għaliex huma tassew għenuni f’kull pass tal-mixja tiegħi. It-taħriġ fiżiku nagħmlu fil-Fitness Centre tal-Inspire, u jiena tassew grat għall-faċilitajiet kollha, għall-istaff, kif ukoll għall-għarfien kollu li toffri l-fondazzjoni.”
Il-Fondazzjoni Inspire tħallas s-sħubija ta’ Noel għall-Fitness Centre, kif tagħmel ukoll ma’ ħafna persuni oħra li għandhom diversi diżabilitajiet.
Inti tista’ tappoġġja lil Noel billi tingħaqad ma’ Team Noel meta tapplika biex timxi jew tiġri n-Nofs Maratona ta’ Malta. Meta tagħmel dan inti tista’ tagħti l-fus biex tgħin din il-kawża, u b’hekk tgħin lil Noel jiġbor aktar fondi. Applika biex tipparteċipa fin-Nofs Maratona ta’ Malta fuq www.maltamarathon.com. Jekk ma tistax timxi jew tiġri, xorta tista’ tappoġġja lil Noel billi tagħti kontribuzzjoni għal Team Noel fuq www.inspire.org.mt.